Il-Kariżma Fundatriċi

The founding charism of the Little Sisters of the Poor, as taught by Jeanne, emphasizes becoming “little” to build close,
humble relationships with the most forsaken, and bringing them happiness through this closeness.

Wieħed jinnota tema li terġa’ tqum darba wara l-oħra fir-rakkomandazzjonijiet ta’ Jeanne lin-novizzi: “Kunu żgħar, agħmlu lilkom infuskom żgħar ħafna,” kienet tgħidilhom. Kienet bħal ritornell. Fil-fatt, hija kienet konvinta li sabiex tkun qrib tal-aktar umli u minsijin, kellek issir żgħir int ukoll. Ma tistax tibni rabtiet tassew qrib jekk iżżomm id-distanza jew tqiegħed lilek innifsek ’il fuq minn ħaddieħor. L-Iben ta’ Alla, li hu l-Għoli, sar hu stess l-aktar umli fost il-bnedmin sabiex ikun qrib ta’ kulħadd.

Jeanne tat importanza kbira lil din il-qrubija. Kellek tkun żgħir sabiex tkun qrib tal-iżgħar u l-aktar fil-bżonn. Din kienet il-vokazzjoni tas-Sorijiet iż-Żgħar tal-Foqra – il-kariżma tagħhom. Għalihom ma kinitx biss kwistjoni li jipprovdu kenn u ikel lill-anzjani abbandunati. Kienu wkoll imsejħa jagħtuhom ċerta kwalità ta’ relazzjoni, preżenza u qrubija li tgħinhom joħorġu mill-iżolament tagħhom u teħlishom mill-qtigħ il-qalb u t-tbatija.

Is-Sorijiet iż-Żgħar mhumiex nisa li b’ċertu suppervja jinżlu jagħtu ftit mill-ħin tagħhom kuljum biex jieħdu ħsieb il-fqar. Le, huma jridu jsiru żgħar huma stess biex jidħlu f’relazzjoni qrib mal-aktar umli u minsijin. Wieħed ma jkunx “żgħir” b’mod naturali, fis-sens evanġeliku. Wieħed isir hekk. U dan jitlob iż-żmien u ħafna ċaħda personali.

Fuq kollox, wieħed irid jitlobha bħala grazzja. Hekk kienet Jeanne tħejji lin-novizzi żgħażagħ għall-missjoni tagħhom, billi tagħmilhom konxji minn ħtieġa fundamentali tal-vokazzjoni tagħhom. 

Kien hemm punt ieħor li fuqu Jeanne kienet tinsisti, marbut mal-ewwel wieħed u li jikkumplimentah. Mhux faċli tiddefinih. Fiha, qabel kollox, kien bħal fjamma. Għajnejha kienu jixegħlu meta kienet titkellem dwaru. Wieħed seta’ jħoss in-nar tal-passjoni jitla’ ġewwa fiha.

Darba waħda qalet dan il-kliem jaqbad bin-nar, mill-isbaħ fis-sempliċità tiegħu: “X’ferħ għalina li nkunu Sorijiet Żgħar tal-Foqra! Li nagħmlu lill-fqar kuntenti huwa kollox …”

Hawnhekk tinsab il-missjoni u l-ferħ kollu tas-Sorijiet iż-Żgħar: li jagħmlu lill-fqar kuntenti u jagħtu l-ferħ lill-fqar. 

Is-Sorijiet iż-Żgħar tal-Fqar

Agħmlu kollox bl-imħabba.

Little Sisters of The Poor Malta